Notification Details

Meeting between the Parliament of Malta and the Conference of Presidents of the European Parliament
 

Fit-8 ta' Diċembru il-Parlament Malti laqa’ lill-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament Ewropew immexxija mill-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz għal żjara li tradizzjonalment issir fil-bidu ta’ kull Presidenza.

Id-Deputy Speaker, Ċensu Galea, ippresjeda sessjoni speċjali li nżammet fil-Kamra tad-Deputati fejn fiha l-Membri Parlamentari Maltin miż-żewġ naħat tal-Kamra kellhom l-opportunità li flimkien mar-rappreżentanti tal-partiti politiċi fil-Parlament Ewropew jesprimu l-ħsibijiet tagħhom dwar il-prijoritajiet ta’ Malta għall-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel nofs tal-2017 u dwar is-sitwazzjoni preżenti tal-Unjoni Ewropea.

Fid-diskors tal-ftuħ ta’ din is-sessjoni d-Deputy Speaker tkellem dwar l-irwol dejjem akbar li għandhom il-parlamenti nazzjonali mhux biss fl-affarijiet Ewropej, iżda wkoll matul is-sitt xhur tal-Presidenza tal-Kunsill. Huwa saħaq li bħala rappreżentanti eletti, il-Membri Parlamentari jinsabu fl-aħjar pożizzjoni li jservu ta’ pont bejn l-Ewropa u ċ-ċittadin permezz tal-ħidma tagħhom fil-kostitwenzi rispettivi tagħhom.

Wara li sema’ d-diversi interventi mill-Membri Parlamentari Maltin, il-President Martin Schulz stqarr illi din kienet l-ewwel darba f’sensiela ta’ żjarat lill-parlamenti nazzjonali fil-bidu tal-Presidenza fejn kien hemm involviment daqstant numeruż minn Membri Parlamentari, u jemmen li dan huwa sinjal pożittiv illi Malta qiegħda tassew tieħu l-ewwel Presidenza tal-Kunsill bis-serjetà. Huwa saħaq ukoll fuq l-importanza li bħalma missirijietna, bis-saħħa tal-istess Unjoni Ewropea, ħallewlna perjodu estensiv ta’ paċi, hekk ukoll aħna għandna nħallu dan l-istess wirt lil uliedna u ulied uliedna.

Biex issegwi din il-laqgħa tista tagħfas hawn.

 
Back to News